Marta Marta (silta) - Sibt il-Mistrieħ - Loranne Vella
« Ir-raqda, nhar ta’ Sibt, Dolores tibdieha mal-qawmien, għax nhar ta’ Sibt filgħodu Dolores ma tqumx, la tistenbaħ man-noti tal-qniepen għax il-qniepen ma jdoqqux, la tqum mir-raqda, la tqum mis-sodda, la tinżel isfel għall-fatra. Ma tiltaqa’ la ma’ Concetta, la ma’ Beneditta, la ma’ Marija Assunta, la ma’ Carmelina, la ma’ Marwa, la ma’ Nathaline, la ma’ ħadd minn ġewwa, la ma’ ħadd minn barra. Illum is-Sibt ma tara lil ħadd, la tara lil Damjan u lanqas taħseb fih. Illum la tqum titmattar, la tmur tbaħbaħ wiċċha, la kikkra te u lanqas kafè, la ħobż, la ċikkulatina, la sigarru bil-bokkin u lanqas mingħajru. Nhar ta’ Sibt bilkemm titħarrek mis-sodda, la tiftaħ għajnejha biex tara u lanqas widnejha biex tisma’, la tgħolli l-friex, la tiftaħ il-purtieri beraħ, la tiftaħ bibien ta’ armarji u lanqas kxaxen ta’ gradenzi, la tinża’ ħwejjiġha tas-sodda, la tilbes ilbies, la ħwejjeġ, la kostumi, la xinxilli u lanqas dehbijiet, la tħares fil-mera, la tomxot xagħarha, la tħammar ħaddejha u lanqas xufftejha, la terra, la fwieħa, la krema, la kulur; illum is-Sibt u rtokk ma jmurx. Nhar ta’ Sibt ma taħsibx la dwar ilbieraħ, la dwar għada u inqas u inqas dwar illum għax illum mhi se tagħmel xejn, mhu se jiġri xejn, mhi se tqis, mhi se tfassal, mhi se tqasqas, mhi se ġġarrab xejn. Illum is-Sibt jum il-mistrieħ, mistrieħ il-ġisem, serħan il-moħħ. Illum is-Sibt waħedha ma’ ħsibijietha imma lanqas dawk mhi se jkollha, la se taħseb, la se tħejji, la se thewden, la se toħlom, la se timla moħħha bi ħsieb u lanqas se tbattlu minn ieħor, illum is-Sibt, illum ma tagħmel xejn, ma jiġri xejn. Illum Dolores mhi xejn, la hi bint, la hi oħt, la hi omm, la hi Madre, ma hi xejn għax illum is-Sibt. Nhar ta’ Sibt ma tħabrikx, ma tgħaġġilx, sa tard la torqod u lanqas tqum. La tiekol, la tixrob, illum xejn minn dan. Nhar ta’ Sibt ma jħabbtilha ħadd, jekk iħabbtu ma tiftaħ lil ħadd »Silta minn Marta Marta ta’ Loranne Vella, pubblikazzjoni Aphroconfuso 2026, it-tieni edizzjoni, edizzjoni komunitarja bil-parteċipazzjoni ta’ fatima a.m., Raylene Abdilla u Davinia Hamilton. Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.